Taħt Fanal Mitfi
mill-ġabra ta’ novelli “PROVENZ”
Trevor Żahra
Kull meta jisma’ l-ħoss qawwi ta’ silencer imtaqqab riesaq ifferoċjat lejn in-naħa tiegħu, Pullu joħroġ f’salib it-toroq u jiftaħ dirgħajh beraħ. Jarma jaqbeż u jidgħi u jxejjer idejh u meta jara li l-ħoss baqa’ għaddej għal xogħlu bla ma ta kasu, Pullu jgħaqqad il-ponnijiet u jinfexx jgħajjat:
“Tuni mutur u nurikom jien! Nurikom jien!”
Imbagħad jidgħi ftit aktar u jmur jintelaq mill-ġdid taħt il-fanal mitfi. Snin twal ilu Pullu kien tifel. Nhar il-preċett fil-għodu ommu kienet tellgħetu minn widintu l-leminija u hedditu li ttellgħu wkoll mix-xellugija jekk iħammeġ il-ġlekk u l-qalziet minn lewn il-ħalib tal-bott, li dak in-nhar stess flgħaxija ommu kellha teħodhom lura lil Katarin, qawwijin u sħaħ. U meta wara t-tqarbin kienu tawhom santa kbira b’Ġesu’ qed iqarben tifel liebes libsa bħal tiegħu, Pullu deherlu li t-tifel tas-santa kien jixbhu. Imma meta xħin kienu għarkobbtejhom qal bil-biċċa lil Salvu Desira, dan daħak bih u wieġbu li t-tifel tas-santa kellu xuxtu mimxuta pulit, waqt li xagħar Pullu kien dejjem imqanfed bil-ħakk tal-qamel. Imbagħad Pullu ħataf is-santa ta’ Salvu Desira u ċarrathielu fi tnejn. Salvu beżaqlu fuq il-pavru tal-ġlekk minn lewn il-ħalib u waqt li s-superjur tal-mużew qagħad iredden ir-ringrazzjament u jaqleb għajnejh, Pullu u Salvu Desira nfexxew iġeddbu xagħar xulxin, jaqilbu s-siġġijiet u jwerwru lit-tfal ta’ madwarhom. Imbagħad ommu tellgħetu mhux biss mill-widna tax-xellug u tal-lemin, imma ġriet warajh mad-dar kollha, mill-intrata sa wara l-bieb tal-bejt, tferfer f’idejha l-ġlekk daqs nitfa li mal-ħalib ta’ lewnu kien żdiedlu ħafna tè u kafè. Meta sa fl-aħħar Pullu sab ruħu waħdu fuq it-turretta tal-bejt, ħareġ minn ħobbu s-santa mgħaffġa u qagħad jillixxja u jirranġa xuxtu biex tiġi tixbah lix-xagħar pulit tat-tfajjel għarkobbtejh.
Pullu xtara l-mutur meta martu kienet ilha tqila b’Mena sitt xhur. Waqqfu fuq il-bankina, quddiem il-bieb u riedha toħroġ tarah. Imma Rafela qaltlu li ma riditx tara l-mewt ipparkjata u fakkritu fil-magna tal-ħasil li kienet xebgħet tistenna. Imbagħad Pullu ħataf il-qasrija tal-felċi minn fuq il-gastra u qalibha wiċċha ’l isfel fl-intrata. Rafela qagħdet timsaħ il-ħamrija u d-dmugħ u titlob lix-xjaten iġorruh waqt li Pullu ta’ skoss fuq il-pedala u l-mutur infexx jisgħol u jqaħqaħ u ġarru miegħu ġo daħna riħa ta’ kubrit.
It-triq maħnuqa bit-tfal. Kollha qed jistennew il-qanpiena ddoqq u r-rixtellu ta’ l-iskola jinfetaħ. Sadattant Pullu għandu biżżejjed ħin biex itajjar nofs tużżana bagalji ta’ l-injam minn idejn sħabu, jagħti gambetta lil Kelinu Buttigieg, jidħol ipixxi bejn il-bieb u l-antiporta ta’ oħt Dun Manwel u jobżoq fuq il-ġelat li għadu kemm xtara Aldo tas-Sur Zammit. Darba Kelinu Buttigieg kien lest għalih. Hekk kif il-gambetta xeħtitu ma’ l-art, ħataf sieq Pullu u gidem b’saħħtu kollha. Imma Pullu kien pront ħataflu l-kużakk u beda jagħfas u jobrom. F’salt wieħed il-gidma ta’ Kelinu nbidlet f’sogħla u taqligħ. Dak in-nhar, fil-bieb ta’ oħt Dun Manwel, ma’ l-awrina żdiedet roqgħa remettar.
Qam jiġri minn taħt il-fanal mitfi. Riesqa oħra twerżaq it-tajers. Imma lanqas tatu żmien joħroġ f’salib it-toroq. Għosfrot. Imma l-għala l-ebda mutur ma jrid jobdih? U meta ġejja tixgħel dak in-nitfa ta’ fanal? Il-bieraħ ġiet xegħlitu u waqfet tgedwed. Jew forsi dak kien ġimgħa ilu. Salvu kellu raġun. Hemm araha… xuxtu dejjem imqanfda. Ma jistax ikun li tixbah lil tat-tfajjel għarkobbtejh.
Dak in-nhar li twieldet Mena, Pullu kien gâra l-platt ta’ l-għaġin mal-ħajt. Il-madum mgħakkar tal-kċina kien beka bikja spagetti u zalza tat-tadam. Zalza mingħajr ġobon maħkuk. Kien imissha drat Rafela li l-għaġin ma kienx jista’ jniżżlu mingħajr burraxka ġobon maħkuk. U bil-wiċċ tost kollu tiġi tgħidlu li nsiet tmur tixtri. Imbagħad daħlu l-ġirien iżommuh, ġabru x-xaqquf tal-platt u mesħu l-bikja kollha minn mal-ħajt. Pullu telaq lejn il-każin u daħlet minfloku l-qabla. Xorob tużżana birra sa ma żaqqu ntefħet ballun u deherlu li qed jisma’ ’l Rafela twerżaq u theżżeż il-ħadid tat-testiera.
Salvu Desira xtara Morris 1000 second hand. Sprejjaha sewda, ramalha bamper ġdid u waħħal santa tar-redentur mal-ħġieġa. Meta pparkjaha quddiem il-każin kulħadd ħareġ jaraha u qal li qisha ġdida. Imma malli Salvu rikeb fiha u telaq, Pullu stratja l-mutur u rħielha għal warajh. Beda jsuq imkaħħal miegħu u jidħol iserrep quddiemu. U Salvu Desira daqqa jagħfas il-brejk u daqqa l-gass u r-redenitur iżebbeġ imwerwer minn taħt is-salib. Ġimgħa wara Salvu nesa l-karozza miftuħa. Sab is-santa mċarrta min-nofs u ċarċira awrina minn mas-seat tas-sewwieq għal fuq it-tapit.
Mena kienet tberraq għajnejha, tross wiċċha mal-ħġieġ tat-tieqa u tinfexx tredden:
“Ix-xita Ma… ix-xita… ix-xita… ix-xita!”
Rafela tipprova taqlagħha minn mat-tieqa tnewlilha kisra ħobż bil-ġamm. Imma Mena ma tkun trid taf b’xejn.
“Ix-xita Ma… ix-xita…!”
“Iva… imma issa daqt tiskot. Dejjem hekk għamlet!”
Iżda hemm kienet tibqa’, imkaħħla mat-tieqa, tonfoħ fuq il-ħġieġa u tberraq għajnejha, tittama u tistenna li l-ajru jiftaħ. U jekk imbagħad tfaqqa’ xi ragħda, Mena kienet isodd widnejha u twerżaq. Imma tibqa’ mkaħħla mal-ħġieġa mtappna. Meta mbagħad jibbnazza, forsi siegħa wara, jew l-għada jew wara tlitt ijiem, Mena kienet titlob lil ommha tlestilha kisra ħobż bil-ġamm u tfittex roqgħa xemx li fiha tkun tista’ toqgħod iddur tond b’għajnejha magħluqin, tgħolli jdejha t-tnejn ’il fuq bil-kisra ħobż midluka, u toqgħod titbissem u tgedwed:
“Ħobż bil-ġamm u ħafna xemx. Ħobż bil-ġamm u ħafna xemx!”
U taf tqattagħlek il-jum kollu tilgħab max-xemx, toffrilha d-debħa ta’ ħobż bil-ġamm, kultant tnaqqar farka, tiżfen farka u ddur tond bil-lajma b’għajnejha magħluqin sa ma tiekol il-kisra kollha u x-xemx tinżel.
Pullu waqaf bil-pinzell tal-lejħa ċċassat. Għadda idu x-xellugija darba u tnejn minn fuq xuxtu. Imbagħad mess il-mera. Il-barbetti kienu bojod. Ix-xagħar ta’ wara widnejh kien abjad ukoll. Beda jdur u jintlewa biex jipprova jara x-xagħar ta’ wara għonqu. Kien ċert li dan ukoll kien bjadlu. Imma dan kif jibjad hekk mil-lejl għan-nhar? Ta’ daqqa ġo nofs il-mera bil-maqbad tal-pinzell u fil-pront tfaċċaw iharsu lejh tużżana bċejjeċ ta’ wċuħ bil-barbetti bojod u b’ħafna tikmix taħt l-għajnejn. Ħareġ mill-kamra tal-banju bla ma qaxxar il-leħja, tajjar il-ħobż bil-ġamm minn idejn Mena u telaq fuq il-mutur. Fetaħ il-buttuni tal-qmis u pponta sidru ’l quddiem. Moppa suf abjad dehret titriegħed mar-riħ. Xtaq isib eluf ta’ bagalji xi jsabbat u ġelati fuq xiex jobżoq u santi kbar xi jċarrat. Imma l-każin kien battal.
Mena ġabret il-ħobż mill-art u kilitha bit-trab b’kollox. Ma’ l-aħħar gidma x-xemx daħlet u beda tiela’ s-sħab. Mat-tlieta l-ajru għaqad u nfetħu bwieb is-sema. Pullu telaq idur bil-mutur, bil-buttuni tal-qmis miftuħin kollha u b’sidru kurazza ’l quddiem. Lemaħ lil Salvu Desira wieqaf imgeddes ġol-Morris 1000 taħt il-ħajt. U sarbut ta’ karozza weqfin u rredikolati minn ħalba xita. Imma hu minkejja l-bjuda ta’ xuxtu xorta jgħaddi bil-mutur itajjar mewġa ilma maħmuġ u jżid il-gass u jitmejjel bħal dgħajsa tal-qlugħ ma’ kull roundabout.
“Ix-xita Ma… ix-xita!”
Issa Rafela ġiet tixgħel il-fanal. Did-darba ġabet magħha lil Mena. Illum, ix-xemx u Mena għandhom xalata. Mal-ħobż bil-ġamm Mena għandha f’idejha erba’ fjuriet.
“Xi ġralha Mena?” staqsa Pullu lil martu. “Dan kif twalet hekk f’salt? Meta ġejtu jumejn ilu kienet daqs nitfa!”
Imma fil-pront Pullu sema’ riesaq il-ħoss ta’ silencer imtaqqab. Ħalla lil Rafela tgedwed waħidha quddiem il-fanal u hu ħareġ jiġri f’salib it-toroq. Qagħad preċiż f’nofs it-triq b’idejh miftuħin beraħ. Il-ħoss beda joqrob u jitqawwa. Pullu baqa’ skantat. Karozza ġdida, b’gedduma twil u erba’ fanali. U wara l-isteering kien hemm Salvu Desira… jitbissem u jagħfas il-gass. Kien ġej dritt għal fuqu. Pullu beda jaqbeż u jxejjer idejh. U Salvu Desira kompla jitbissem… dritt għal fuqu… u baqa’ sejjer. Bħas-soltu.
Pullu reġa’ lura rrabbjat lejn ir-rokna ta’ taħt il-ħajt. La kien hemm Mena u lanqas Rafela. Il-fanal kien mitfi u l-fjuri ta’ Mena mqarqċin u mgħawġin ganċ. Il-wiċċ ovali ta’ fuq l-irħama kien għadu b’xagħru mqanfed mingħajr l-ebda ħjut ta’ bjuda. Pullu ntelaq kobba fl-art u qagħad jgħaqqad il-ponnijiet u jidgħi.
“Kieku mqar tagħtuni mutur, nurikom jien! Nurikom jien!”

Malti
English