L-Inkwatru
zmill-ġabra ta’ novelli “LUBIEN”
Stħajjiltni qed narahom iħarsu ċassi lejha u jsejħulha. “Hawn… ejja… ersaq,” ħassejthom itennulha. “Ara, qed nistennewk! Lil min minna se tagħżel.”
U Kristin donnha tassew kienet qed tisma’ leħinhom. Għadni naraha tieħu ġirja mbe’ lejhom u hekk kif tasal quddiemhom, tieqaf tiflihom waħda waħda u titbissmilhom.
“Jekk tagħżel lili nagħmlek ħajjata prima,” qaltilha l-labra waqt li ffissat fuqha l-għajn waħdanija tagħha.
“U jiena nagħmlek soru,” qabżet il-kuruna ssensel għadamha magħlub daqs ta’ madre superjura.
“U jekk tieħu lili nagħtik ġid bir-radam,” daret fuq żaqqha l-bajda.
“U jien nagħmlek artista,” felfel xuxtu l-pinzell.
“U jien…” Imma l-bajrow ma lahqitx temmet il-wegħdiet tagħha. Kristin ħatfitha minn għonqha u xeħtitha ġo ħalqha.
Il-mara u ommha u z-zijiet u l-kuġini u kull min kien hemm infexx iċapċap. U hafna minnhom daru fuqi u qaluli: “Rajtx… ħierġa bħalek it-tifla… xogħol tal-pinna, tarax!”
U omm il-mara ġriet fuq Kristin u ħaditilha l-bajrow minn idha li ma tmurx tibla’ t-tokka u x-xogħol tal-pinna jibda qabel il-waqt! Niftakarni ngħidilhom li ma tantx kien hemm rabta bejn ix-xogħol ta’ għalliem u l-bajrow. Forsi kieku poġġew biċċa ġibs kienu jkunu eqreb lejn il-likk, imma peress li ħadd ma ġieh f’moħħu jpoġġi nitfa ġibs (lanqas jien innifsi) l-għażla tal-bajrow kulħadd seta’ jorbotha ma’ liema karriera jiftillu.
Kien x’kien, malli Kristin bdiet titfarfar beda jidher ċar li l-ħrafa tal-quċċija, setgħet wara kollox, ma kienet ħrafa xejn. Ma niftakarx jekk qattx għidnielha li kienet għażlet bajrow. Imma naf żgur li lejla waħda, ftit qabel m’għamlet il-preċett, Kristin kienet daħlet ħdejja fl-istudju u ntasbet fuq it-tapit tqalleb wieħed mill-kotba tagħha. Imbagħad qamet bil-wieqfa u waqt li ġerriet għajnejha ma’ l-ixkaffi tal-librerija tiegħi, qaltli:
“Papa’, la nikber għad nikteb ħafna kotba bħal dawk!” Jien kont infexxejt nidħak u staqsejtha: “U x’bi hsiebek tikteb fihom?”
“Stejjer bhal dawk li tgħidli n-nanna Ġuż,” kienet weġbitni b’ħarsa soda f’għajnejha.
U minn dak in-nhar ‘il quddiem il-bajrow għażlet lil Kristin. Ma domniex ma bdejna nosservaw li t-tifla kellha ġibda speċjali għar-rakkonti. Mhux biss kienet togħxa tismagħhom, imma kienet togħxa aktar ittennihom. U meta tgħallmet tikteb u mis-sentenzi daret għall-paragrafi u mill-paragrafi għall-komponimenti, ikoll intbaħna li għandha mnejn dawk il-kotba li xtaqet, għad tiktibhom tabilħaqq. U min jaf x’kien jiġri li kieku l-linka tal-bajrow ma nħlitilhiex qabel iż-żmien?
Darba l-mara kienet sabitilha daqsxejn ta’ djarju. Dik il-ħabta mhux żgur kellha tmin snin. Għall-ewwel kont ħadtha mal-mara għax deherli li ma kellhiex toqgħod taqrahulha, avolja Kristin kienet għadha daqsxejn ta’ tifla. Imma ma domtx ma ntbaħt li dak li qanqal lil marti biex tqalleb u taqra ma kienx il-kurżita’ li spiss ninbxu biha lin-nisa. Kien il-ħlewwa tal-kitba nfisha; il-mod frisk u naturali li bih kienet titkellem mad-djarju, kif tiskuża ruħha miegħu jekk imqar iddum jumejn ma tiftħu għax tistħajjel li ddejjaq magħluq fid-dalma ta’ bejn qoxra u oħra. U meta darba xxarrbilha bix-xita, talbitu jahfrilha għax kien il-bard u miskin, min jaf kemm haxwex il-folji tiegħu bil-kesħa li ħass… u ara, hi meta tixxarrab, tixxotta u tinxef u qisu qatt ma kien xejn; imma hu jaħasra żżellġitlu l-linka kollha u se jibqa’ jsofri t-tebgħa tat-traskuraġni tagħha għomru kollu. Illum ma nafx x’nixtieq inħallas biex nerġa’ nħaddan miegħi dan id-daqsxejn ta’ djarju mtabba’, li dik il-ħabta konna biss iggustajnieh u ħadnieh biċ-ċajt!
Illum għaddew aktar minn ħdax-il sena minn fuq dawn il-grajjiet, imma l-mewt t’ommi, li ġrat seww sew xahar ilu, farfritli l-għabra kollha minn fuq dawn it-tifkiriet u reggħet urietni d-dettalji kollha li ili ħdax-il sena sħaħ nipprova ninsa. Il-kitba li sibt fil-kamra tal-għodda tatni t-tweġiba tal-ħafna mistoqsijiet li kelli. Imma issa li sibt qed inhossni aktar fqir u miskin minn meta ma kellix. Ili dawn l-aħħar ħdax-il sena nilgħab il-ħaġa moħġaġa; nipprova naqta’ t-tifsira ta’ dawk l-aħħar kelmiet li lissnet Kristin fil-kamra ta’ l-isptar; kelmiet skunnettjati minn ma’ xulxin li minbarra jien, kulhadd ħasibhom thewdin. U issa li l-ħaġa moħġaġa donnha solviet ruħha waħidha, tassew nixtieq li kien biss thewdin.
Ommi għalqet it-tnejn u tmenin sena u mietet. Kienet baqgħet tgħix wahidha, tiċċelebra l-istess ritwal minn jum għal jum sa m’għalqet għajnejha u mietet għad-dinja. Għalija kienet ilha mejta s-snin.
Il-ġimgħa l-oħra jien u l-mara ddeċidejna li mmorru nduru dawra d-dar tagħha biex narmu l-kxaxen fgati b’madwar ħamsin sena mbarazz, li ommi kienet ħażnet b’taħlita ta’ għożża u ġenn. U jien fettilli noħroġ fil-gnien u mmur inqalleb fil-kamra ta’ l-għodda. Kienet kmajra ċkejkna ġo rokna tal-ġnien, li jgħidu kien bnieha n-nannu Wenz għall-għodda u li aktar tard missieri kien beda jżomm fiha l-ixkejjer tan-nuħħala u s-smida fiż-żmien meta kien waħħalha f’rasu li jgħarraq nofs Malta bil-bajd. U meta missieri miet, ommi baqgħet toħodlu ħsieb it-tiġieġ bl-akbar fedelta’, sa ma dawn refgħu mill-bajd u xjieħu u mietu waħda wara l-ohra bla ma wettqu l-ħolma ta’ missieri. Il-kamra ta’ l-għodda u l-gallinar tbattlu t-tnejn min-nuħħala u mtlew kaxxi u laned u fliexken u ċraret… u dak li missieri ma rnexxilux jagħmel bil-bajd għamlitu ommi bl-imbarazz. Hemmhekk Kristin kienet tqatta’ sigħat sħaħ. Dik il-kmajra kienet għaliha ġenna sigrieta. “Il-gost tagħha tilgħab waħidha,” kienet tgħidli ommi. “Ninsa li tkun qiegħda hemmhekk!”
Malli ftaħt il-bieb laqgħetni r-riħa tan-nuħħala, li bhal fantażma stinata kienet baqgħet tgħammar ġo kull kaxxa u landa u flixkun. U jien ikkonfondejt mnejn nibda. Mort bil-ħsieb li nixhet kollox munzell wiehed ġol-ġnien u nhalli l-kamra art u saqaf, imma dik il-fantażma donnha ħakmet lili wkoll. Minnufih rajt lil missieri jsajjar in-nuħħala u s-smida fuq spiritiera ta’ l-istim u maġenbu tifel t’għaxar snin jgħoddlu l-flieles qabel ma jfaqqsu. U qalb il-laned u l-kaxex ilmajt mitluq il-kuċċarun tas-smida, il-beritta kkamlata mdendla ma’ musmar u r-reġistru tal-qoxra sewda li bl-akbar skruplu missieri kien iżomm fuqu l-infiq u l-qligħ tan-negozju li qatt ma kien. Imbagħad kollox inbala’ mill-fantażma u fegget Kristin. Ilmaħtha kif rajtha darba waħda, meta ommi kienet sejhitli biex nittawlilha bis-serqa minn bejn il-friegħa ta’ l-għajnbaqra. Rajtha bil-qiegħda fuq kaxxa ta’ l-injam, fil-bieb tal-kamra, bi ktieb goff miftuh f’ħoġorha u roqgħa xemx t’April taqra l-ħrafa magħha. U f’daqqa waħda ntbaħt li l-kaxxi u l-laned u l-fliexken kellhom qalb li tħabbat. Il-kamra kienet relikwarju. Ma stajtx noħroġ kollox munzell fil-ġnien u nwettaq sagrilegg. Wara kollox… forsi ommi kellha raġun.
Bqajt wieqaf fid-daħla tal-bieb u f’leħħa ta’ berqa ntbaħt li kont se nagħmel il-quċċija. Kollox kien qed isejjaħli u jgħidli: “Lili, lili… agħżel lili!” Il-kuċċarun mgħakkar, il-berritta kkamlata, l-ispitiera ġġamjata, kollha jgħajtu u jaqbżu u jtajru sogħla trab. “Lil, lili… agħżel lili!” Wieħed biss baqa’ b’ħalqu magħluq. Ir-reġistru tal-qoxra sewda. U idi resqet bil-lajma lejh u ftaħtu bl-addoċċ.
Kont naf x’kien fih. Kont rajtu elf darba ‘l missieri jikteb u jikkontja u jqarras wiċċu. Għalhekk mhux ta’ b’xejn li qalbi waqfet ċomb meta għall-għarrieda tfaċċat quddiemi l-kalligrafija ta’ Kristin. Dort għall-ewwel paġna biex niflih mill-bidu nett. Fuq quddiem kien hemm il-kontijiet famużi li jien tant kont nafhom tajjeb, imma minn nofsu lura dan ir-reġistru ta’ missieri kien inbidel fi djarju ta’ Kristin. Kien hemm biss data waħda fil-bidu ta’ din it-taqsima: l-20 t’ Awissu 1982. U malli lmaħtha sidri reġa’ ngħafas.
L-1982… is-sena kiefra li serqitilna lil Kristin. U dik il-kitba tar-reġistru t-tifla kienet kitbitha daqs xahar u nofs qabel. Fl-20 t’ Awissu… l-anniversarju tat-tieġ tagħna. L-anniversarju ta’ dik is-sena ma ninsiehx malajr. Dak in-nhar jien u l-mara konna ġġilidna waħda mill-akbar ġlidiet tagħna. Bla ma nafu kif, konna sibna ruħna bil-qiegħda fuq blokka silġ. Hi naħa u jien oħra. U b’sikta kbira l-blokka xxaqqet ħelu ħelu min-nofs. U jien ‘l hawn u hi ‘l hinn. Imbagħad il-baħar beda jitqanqal f’kurrenti strambi u l-blokki bdew jitbiegħdu bil-mod il-mod minn xulxin. U meta f’dak l-anniversarju dawwart harsti lejha ntbaħt li ma kontx għadni nafha aktar. U donnha lanqas hi ma baqgħet tagħrafni. Bdejna ma nissaportux fil-prezenza ta’ xulxin. Bdejna niġġieldu fuq kollox u s-silġ kien jinbidel f’ħuġġieġa nar f’ħakka t’għajn.
U f’nofs il-kurrent u s-silġ u l-ħuġġieġa kien hemm Kristin. Fit-telfa li konna fiha ftit li xejn konna qegħdin nagħtu kasha. Moħħna kien f’ħaġa waħda biss… fil-ġlied u l-piki ta’ bejnietna. Kont niehu gost nara lit-tifla mitlufa wara nannitha u tmur tqatta’ l-ġranet għandha. “Xejn xejn forsi ma taraniex niġġieldu,” kont ingħid bejni u bejn ruħi. “Forsi għal issa ma tintebaħx b’dak li kien qed jinġema’.” Dak in-nhar ta’ l-anniversarju kont għidt lill-mara li sejjer inkellem avukat. U hi bagħtitni nixxejjer u qaltli li hija ġa marret ġimagħtejn ilu.
Fir-reġistru kollox kien miktub b’bajrow blu, b’dawk l-ittri tondi u puliti u mahlulin minn xulxin donnhom bil-għan li jimitaw it-tipi tat-tajprajter.
20 t’Awissu 1982.
Aħfruli li ma ndunajtx bikom qabel. Jaħasra min jaf kemm ilkom wara l-kaxxa wiċċkom mal-ħajt. Nittama li ma tibżgħux mill-brimb. Jien ma nibżax minnhom. Kontu kollkom għanqbut. Imma issa farfartkom u l-brimb rajtu sejjer jistaħba ġo rokna. Tħabblux raskom. Dendiltkom mal-ħajt u nittama li thossukom aħjar hemm fuq.
Bejn biċċa kitba u oħra kien hemm biss linja dritta maqtugħa minn naħa għal oħra tal-paġna. Ma kien hemm l-ebda dati oħrajn ħlief dik tal-bidu nett. Imma kien jidher ċar li dawk il-ħafna paragrafi kienu nkitbu f’jiem differenti. Xi drabi l-kalligrafija kienet tinhass iżjed mgħaġġla, donnha l-id kemmxejn imriegħda jew nervuża. L-aħħar siltiet kienu bil-bajrow sewda.
Nixtieq nista’ nibdlilkom dak l-ingwarniċ migruf. Jixirqilkom aħjar. Xejn ma jaqbel il-grif ta’ l-ingwarniċ ma’ l-ilbies sabiħ tagħkom. L-aktar tat-tfajla ta’ xagħarha isfra. Kemm inti ħelwa! Nixtieq naf fejn intom sejrin. Tidhru kuntenti ħafna. Anki l-baruni u l-barunissa jidhru kuntenti, avolja għandhom ħarsa soda fuq wiċċhom. Naf li huma kuntenti. Forsi għax sabu l-aħjar post, bil-qiegħda għad-dell taħt it-tinda. U l-baħar kalm. Imma tgħid fejn intom sejrin…?
Kemm jiena ħmar! Kif ma ndunajtx qabel. Illum qgħadt inħares lejkom aktar bir-reqqa u ndunajt. Il-barunissa għandha qoffa hdejn riglejha. U s-Surmast għandu qoffa ohra bħalha f’idu x-xellugija. U anki l-ġuvni li qed jgħin lit-tfajla titla’ god-dgħajsa, ukoll għandu qoffa ċkejkna f’idu l-oħra. Sejrin xalata hux tassew? Għalhekk in-nisa għandhom f’idejhom dawk l-umbrelel ħelwin. Dażgur, is-sema bnazzi u l-baħar kalm. X’hemm isbaħ minn dawra bid-dgħajsa fuq ix-xmara? Imbagħad tieqfu x’imkien taht is-siġar, tifthu l-qfief, tifirxu xi tvalja ċċangjata ma’ l-art u toqogħdu tieklu. Iva, iva… ara s-Surmast x’jitbissem! Hux qtajt? Sinjura Mer, jaqbillek toqogħdlu attenta għax zgur jikollok kollox, daqs kemm jidher żaqqieq. Imma s-Sinjura Mer donnha mhix mohhha f’zewgħa… moħħha biss fit-tfajla.
Issa ċerta li sejrin xalata. Id-darba l-ohra ma kontx tajt kas wisq. Fil-bogħod hemm żewġ dgħajjes oħrajn bħal tagħkom. Jidhru wkoll xi ftit nies li l-istess bhalkom tilgħin ġod-dgħajjes minfuq daqsxejn ta’ pont ta’ l-injam. U kollha libsin pulit bħalkom. U l-għaliex libsin pulit daqshekk? L-irġiel kollha bil-ġlekk, bl-ingravata sewda u bil-kappell. U n-nisa bid-dbielet ikaxkru ma’ l-art. Min jaf kemm se thossu shana. Il-barklor biss imxammar. Inti l-aħjar Pepp! Insomma, taf x’qed ingħid: min jaf kemm se jkollok tbati biex taqdef u ġġorr sitta min-nies. U s-Surmast jiswa daqs tnejn. mma l-baruni, miskin, qisu lasta ta’ xkupa. Tajjeb mela jpatti għall-hxuna tas-Surmast. Tinkwetax Pepp, xorta sitta se jkollok. Nixtieqni ġejja magħkom.
Ili siegħa nħares lejkom. Issa sirna nafu ‘l xulxin sewwa. Naf li ma nistax niġi magħkom. U anki intom tafu u għalhekk għadkom hemm ċassi tistennew. Kif kontu l-bieraħ. Imma xorta għadkom kuntenti. U għandkom biex. L-aktar it-tfajla. Araw jekk qtajtx. Is-Surmast u s-Sinjura Mer huma omm u missier it-tfajla. U l-baruni u l-barunissa n-nannu u n-nanna. U nahseb li din hija l-ewwel darba li t-tfajla u l-għarus ħerġin flimkien. Għalhekk kulħadd kuntent. Mark, nixtieq nista’ nara wiċċek sewwa. Min jaf kemm inti ġuvni helu! It-tfajla qed tħares lejk minn taħt. Il-pont dejjaq u trid toqgħod attenta kif taqsmu. Imma taf li b’idha f’idek ma jonqosha xejn. Għandek ragun tkun kuntent Mark…tfajla ħelwa bħal dik! Żommilha idha sew. U qed nara li l-oħrajn kollha ħsiebhom fikom. Anki l-baruni u l-barunissa minn fuq il-bank tad-dgħajsa. Avolja għandhom ħarsa soda. Forsi l-barunissa għadha kemm qaltlu: “Tiftakar Sur Baruni, meta ħriġna l-ewwel darba flimkien?” U l-baruni lanqas semagħha għax ħsiebu fin-neputija li ma tmurx sieqha tmurilha żmerġ u taqa’ fl-ilma. Kulħadd iħobbha lit-tfajla.
Le, le, ċkejken, ili li ndunajt bik. Xtaqt kellimtek qabel. Imma dik it-tfajla ħelwa wisq! Għadni ma nafx ta’ min inti… intix tas-Surmast, jew tal-baruni jew ta’ Mark. Jew forsi m’inti ta’ ħadd. U hekk hu, għax m’għandek l-ebda kullar m’għonqok. U li kieku kont ta’ xi ħadd minnhom ma kinux se jhalluk tiġġerra wahdek ‘l hawn u ‘l hinn. Ja mqareb li int! Inti wkoll tixtieq tmur magħhom, hux? Imma iskot, toqgħodx tinbaħ, għax tista’ tagħti qatgħa lit-tfajla. U dik għadha ma telgħetx fuq id-dgħajsa u l-pont dejjaq. U aktar moħħha f’Mark milli fil-pont! Forsi min jaf, jekk tieqaf mill-qbiż u tmur tferfer denbek ħdejhom bil-kwiet għandhom mnejn joħduk. Ja mqareb li int!
Ma nixba’ qatt inħares lejkom. Dejjem titbissmuli. Dejjem kuntenti. L-aktar it-tfajla! Nixtieqek tista’ tweġibni, tfajla. Għidli, lis-Surmast u lis-Sinjura Mer rajthom xi darba jiġġieldu? Ġieli smajthom jgħidu li jridu jitilqu lil xulxin? Le, ma naħsibx. Kieku ma kontx tkun kuntenta daqshekk. U s-Surmast żgur li jħobbha ħafna lis-Sinjura Mer. Ara, qed jerfgħalha l-qoffa u qed izommha lambranzetta. U hi qed tilqagħlu x-xemx bl-umbrella tagħha. Lanqas il-baruni u l-barunissa ma jiġġieldu u jgħajru lil xulxin. Xjieħu u għadhom id f’id.
Ma rridx ninsa ngħidlek tfajla. Tħabbilx rasek jekk xi darba għad jiġġieldu. Anki jekk forsi jitilqu lil xulxin. Tħabbilx rasek. Inti issa kbira. U għandek lil Mark iħobbok ħafna. Issa m’għadekx ta’ għaxar snin. Ara l-Imqareb miskin, dak ilhom li ħallewh wahdu. U qed iqatta’ ħajtu kollha jiġġerra max-xatt tax-xmara. Jinbaħ u jittama li xi ħadd tellgħu ġo dgħajsa u jieħdu miegħu. Imma ħadd ma qed jinduna bih.
Għadkom hawn? Meta se titilqu, għidu? Pepp, inti ma tidhirx għażżien? Meta se taqbad taqdef? Mela xammart għalxejn? Għandek raġun. Ikollok toqgħod tistenna li jitla’ kulħadd. Imma t-tfajla donnha m’għandha l-ebda għaġla. Kuntenta b’idha f’id Mark. Taf li malli tirkeb hi se jirkbu l-oħrajn kollha. Imbagħad ix-xalata tibda u wara ftit tintemm. Għalhekk qed ittawwal dak il-mument kemm tista’. U l-Imqareb ukoll m’għandux għaġla. Għadu jittama li jindunaw bih u joħduh magħhom. Imma jekk jirkeb kulħadd forsi jhalluh waħdu fuq ix-xatt. Għal issa għadu jittama. Għandkom ragun. Intom kuntenti kif intom. Qatt ma rajt lil ħadd sejjer xalata liebes daqshekk pulit. Imma tgħid tassew sejrin xalata?
Illum ma kontx ġejja. Imma jeħtieġ ngħidilkom saħħa. Saħħa tfajla… saħħa Mark… saħħa Pepp… saħħa Sinjura…
U hemm kienet tieqaf il-kitba u fir-reġistru jsaltan deżert ta’ paġni battala; baħħ ta’ paġni vojta b’linji fuq linji fuq linji ta’ versi bojod. Rigi li minnufih ilmaħthom jimtlew bil-ġrajja li ta’ ħdax-il sena ilu.
Kien għall-bidu ta’ Settembru meta lil Kristin kellna noħduha malajr l-isptar. Xi jiem qabel ommi kienet qaltilna li hija u taħsel snienha t-tifla kien ħarġilha hafna demm li dam sew sa ma waqfilha. Imma aħna ma rajna xejn stramb f’dan kollu u għamilna biss f’moħħna li meta nsibu ħin noħduha għand dentist. Ommi kienet qaltilna wkoll li xejn ma qed taraha f’aptitha u li f’salt wieħed donnha ngħalqet fiha nnifisha. U hawn ukoll ftit li xejn tajna kas kliemha, għax konna nafu biżżejjed kemm in-nanniet jinsew malajr id-dixxiplina li biha rabbew lil uliedhom u erħilhom ifissdu lin-neputijiet u għalihom lest jiksru r-regoli kollha li jkunu mxew fuqhom fi żmienhom.
Imma lejla minnhom Kristin bdiet tgħid li qed juġgħuha griżmejha u l-għada filgħodu sebhet b’deni ta’ żiemel. Imbagħad il-maltempata faqqgħet hekk f’salt li bil-kemm stajna nifhmu f’kien qed jiġri. Tobba, pilloli, titqib u ambulanza twerżaq lejn l-isptar. Id-deni baqa’ li kien. Poġgewha ġo kamra għaliha wahidha u kienu jissuġġerulna biex nittawlulha biss minn wara l-ħġieġ. U jekk nidħlu ħdejha kienu jlibbsuna l-bluża. U Kristin dejjem mitlufa thewden u tgedwed. Testijiet tad-demm u tal-mudullun u d-deni ma jrid jitlaqha b’xejn. U waqt li jien u l-mara nittawlu minn wara l-ħġieġa bdejt nintebaħ li l-ħġieġa bejnna u bejn Kristin kienet ilha ħafna hemm. Konna ilna ħafna narawha u ma nisimgħuhiex. U jekk nisimgħuha ma nifhmuhiex. U jekk nifhmuha ma jimpurtaniex. Konna ħsibna li meta xxaqqet il-blokka silġ ta’ bejnietna kienet ġarret biss lilna t-tnejn ‘il bogħod minn xulxin. Imma f’salt intbaħna li kienet ġarret ukoll lil Kristin. Intabħna li ħajjitna kienet saret linji fuq linji ta’ paġni vojta ġo reġistru battal.
Wara ftit aktar minn tliet ġimgħat Kristin ħadet nifs twil u waqfet mit-thedwin għal dejjem. Imbagħad jien u l-mara bkejna l-bikja twila li bla ma ntbaħna kienet ilha tinġama’ s-snin. U bkejnieha f’dirgħajn xulxin… b’tifla ċkejkna minn lewn is-silg tħares lejna fil-vojt. Ftit jiem wara l-funeral, ommi għalqitilna f’wiċċna l-bibien ta’ qalbha. Bejn l-ilfiq u l-għajat xlietna b’elf xilja u qasmitilna qalbna b’elf tiċrita. U għad li bqajna niċħdu anki wara li idden is-serduk, konna nafu li kellha raġun. Imagħad meta qalet kulma riedet tgħid u għabbiet fuqna l-weġgħat kollha li kellha, ommi għalqet bwiebha għad-dinja u ntilfet f’dinja oħra tagħha li minnha baqgħet ma ħarġet qatt.
Ħriġt mill-kamra ta’ l-għodda u ħallejt ir-reġistru waħdu ħdejn il-kuċċarun u l-berritta. Ma ridtx lill-mara tarah. Ma ridthiex tifhem l-aħħar kelmiet ta’ Kristin… ridtha tibqa’ temmen li kien biss kliem it-thewdin.
It-tobba kienu daħħluna ħdejha. Kienu jafu li l-aħħar għabriet tar-ramel kienu jinżlin jinbelgħu ‘l isfel bil-ħeffa. Leħinha kien baxx ħafna u ġa kellha bħal tħarħira fi griżmejha. Imma kliemha baqa’ jħallimni kull lejl:
“ Żommli idi… żommi idi sewwa, Mark. Hekk… hekk, qalbi. Grazzi talli qgħadtu tistennewni. Irkbu, irkbu. Tlaqna! Imma… stenn… stenn… lill-Imqareb inġibuh ukoll. Miskin, dak waħdu… waħdu. Ma nħallu lil ħadd warajna. Lil ħadd. Aqdef Pepp… aqdef…”
U d-dgħajsa telqet u jien u l-mara bqajna fuq ix-xatt. Bqajna nħarsu matul ix-xmara narawha titbiegħed u tiċkien sa ma ssir tikka u tgħib. Bqajna hemm waħidna. Iżda żammejna ‘l xulxin lambranzetta… jien inżommilha l-qoffa u hi tilqagħli x-xemx bl-umbrella ċkejkna tagħha.
Ħanini… nibqgħu hawn, ħdejn il-pont ta’ l-injam. Tibżax, mill-bogħod hemm dgħajjes oħra resqin.

Malti
English