Lit-Tfal Sraqnielhom il-Bjut

Sa ftit ilu, kull familja li toqgħod fi flatt, setgħet tuża parti mill-bejt (u xi drabi anki washroom).   Hemmhekk il-familja setgħet tonxor, tagħmel xi barbikju fis-sajf … u fuq kollox, it-tfal setgħu jitilgħu jilagħbu.

Iżda llum dan kważi spiċċa għal kollox.

Bir-regolamenti ġodda li ħarġet il-MEPA ftit tas-snin ilu, ingħata l-permess li tiżdied penthouse fuq il-blokka tal-flatt … u allura ġara li ħafna familji (li forsi ma kellhomx ftehim ċar fil-kuntratt) itteħditilhom ir-roqgħa tal-bejt li kellhom.  Il-flattijiet ġodda li qed jinbnew bħal issa (dawk li qed jitilgħu wara li titwaqqa’ d-dar li kien hemm qabel), kollha qed ikollhom din il-famuża penthouse, u allura kull min illum jixtri flatt, ma jkollu l-ebda jedd għall-bejt.

U x’inhuwa r-reżultat ta’ dan kollu?

* Il-familji mhu qed ikollhom l-ebda żvog.

* Minflok jużaw is-sħana naturali tax-xemx biex inixxfu l-ħwejjeġ, qed ikollhom jużaw it-tumble dryers (u viva l-konsum tal-elettriku !!!).

* U fuq kollox, lit-tfal sraqnielhom il-ftit żvog li kellhom fejn setgħu jitilgħu jilagħbu u jieħdu ftit tal-arja.

            * Tielgħa ġenerazzjoni ta’ tfal li l-uniku żvog tagħhom tkun xi gallerija daqs nitfa … gallerija li, għalkemm is-sidien jagħżlu li jsejħula terrazzin, il-qies tagħha qiegħed dejjem jiċkien u jinxtorob sa ma aktar qed issir tixbaħ lil gaġġa ta’ amorin.

            *  Imbagħad arana niskantaw u nitkażaw li t-tfal qed iqattgħu wisq ħin jilagħbu bil-kompjuter!

 

Tgħid il-MEPA tat kas ta’ dan kollu meta fasslet ir-rogolamenti msemmija?

Sunday, May 31st, 2009 | Posted in Blog, Kummenti | 9 Comments »

Żbalji tal-Malti fuq TVM

Ma nqisx ruħi bħala xi wieħed iffissat fuq ir-reqqa tal-ortografija.  Imma niddejjaq meta fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni  … aktar u aktar fuq it-TVM (l-Istazzjon tas-Sena !!!!) nara kliem miktub ħażin.  Il-bieraħ, il-Ġimgħa 22 ta’ Mejju, waqt wieħed mill-aktar programm popolari fuq dan l-istazzjon, fi promozzjoni ta’ xi minuta dehru dawn il-kelmiet miktubin ħażin:  laqqajniekom, wegħidniekom, ħadniekom, diqa!!  Possibbli li d-dar tal-produzzjoni responsabbli minn dal-programm, m’għandhiex magħha persuna li taf tikteb Malti tajjeb?  Min jaf x’kienu jgħidu li kieku dawn l-iżbalji kienu bl-Ingliż?!  U ħaġa oħra … dawn il-kelmiet mhumiex uħud minn dawk li ntlaqtu mit-tibdil li sar dan l-aħħar.  Ilhom jinkitbu hekk is-snin.  Jiġifieri mhemmx skużi.

Saturday, May 23rd, 2009 | Posted in Blog, Kummenti | 34 Comments »