Lit-Tfal Sraqnielhom il-Bjut

Sa ftit ilu, kull familja li toqgħod fi flatt, setgħet tuża parti mill-bejt (u xi drabi anki washroom).   Hemmhekk il-familja setgħet tonxor, tagħmel xi barbikju fis-sajf … u fuq kollox, it-tfal setgħu jitilgħu jilagħbu.

Iżda llum dan kważi spiċċa għal kollox.

Bir-regolamenti ġodda li ħarġet il-MEPA ftit tas-snin ilu, ingħata l-permess li tiżdied penthouse fuq il-blokka tal-flatt … u allura ġara li ħafna familji (li forsi ma kellhomx ftehim ċar fil-kuntratt) itteħditilhom ir-roqgħa tal-bejt li kellhom.  Il-flattijiet ġodda li qed jinbnew bħal issa (dawk li qed jitilgħu wara li titwaqqa’ d-dar li kien hemm qabel), kollha qed ikollhom din il-famuża penthouse, u allura kull min illum jixtri flatt, ma jkollu l-ebda jedd għall-bejt.

U x’inhuwa r-reżultat ta’ dan kollu?

* Il-familji mhu qed ikollhom l-ebda żvog.

* Minflok jużaw is-sħana naturali tax-xemx biex inixxfu l-ħwejjeġ, qed ikollhom jużaw it-tumble dryers (u viva l-konsum tal-elettriku !!!).

* U fuq kollox, lit-tfal sraqnielhom il-ftit żvog li kellhom fejn setgħu jitilgħu jilagħbu u jieħdu ftit tal-arja.

            * Tielgħa ġenerazzjoni ta’ tfal li l-uniku żvog tagħhom tkun xi gallerija daqs nitfa … gallerija li, għalkemm is-sidien jagħżlu li jsejħula terrazzin, il-qies tagħha qiegħed dejjem jiċkien u jinxtorob sa ma aktar qed issir tixbaħ lil gaġġa ta’ amorin.

            *  Imbagħad arana niskantaw u nitkażaw li t-tfal qed iqattgħu wisq ħin jilagħbu bil-kompjuter!

 

Tgħid il-MEPA tat kas ta’ dan kollu meta fasslet ir-rogolamenti msemmija?

9 Comments Leave a Comment

  1. Melchior
    7:01 amon June 1st, 2009

    Fl-opinjoni tiegћi waћda mill-problemi ta’ dan kollu huwa minћabba l-fatt illi n-natura saret propjetà, i.e. tista’ tiġi mixtrija jew mibjugћa. Meta saret mezz strumentali ta’ kummerċ in-natura ġiet imneżża’ minn kull dritt.

    Sfortunatament fit-teorija ekonomika, post li ma jaqlax flus mhux ikkalkulat. Il-kwalitajiet tajbin li joffru bћall-bejt, il-gallerija jew it-terrazzin qegћdin jiġu mogћtija stima anqas milli ћaqqhom.

  2. Chris
    5:35 pmon June 4th, 2009

    Verissmu. Qabel qatt ma kont nagħti wisq kas, ngħid id-dritt, imma llum il-ġurnata nirrealizza kemm ġo appartament tipiku mhemmx post għat-tfal biex jilagħbu. Kif qed tgħid inti, gallarija li aktar tista’ ssejħilha “strixxa” milli gallarija ma tantx tagħti lok għal logħob fiżiku. U l-aċċess għall-bjut iżjed ma jmur iżjed qed jitneħħa. Verissmu.

  3. Mario
    11:19 pmon June 11th, 2009

    Naqbel ħafna ma’ dak li ktibt u l-kummenti ta’ wara. Dan hu fejn iwassal l-egoiżmu tal-bniedem. L-espressjoni ngliża “I’m all right f……..” Issa naraw ir-riżultat ta’ dan kollu fil-ġenerazzjoni li tiela.
    Fil-ktiba tiegħek użajt kemm il-darba l-kelma żvog. Jien mhux xi espert tal-Malti imma naħseb li jien aktar kont nikteb sfog, għallinqas jien hekk ngħidha.
    Dwar l-iżbalji tal-Malti fuq ix-xandir aħjar ma ngħid xejn għax tal-biki.
    Tislijiet Trevor u prosit ħafna tal-website.
    Mario (Zabbar)

  4. Trevor
    11:26 pmon June 11th, 2009

    Grazzi Mario. Dwar il-kelma “żvog / sfog” Serracino Inglott jagħtihom it-tnejn. Naħseb li din hija waħda minn dawk il-kelmiet li għad mhemmx deċiżjoni finali dwarhom.

  5. Maria
    4:26 amon August 1st, 2009

    Sewwa ghidt Trevor. Ma tantx ittihom tort it-tfal li jispiccaw b’hafna hin fuq il-computer. Minbarra li ‘nsterqulhom il-bjut’ tista’ tghid ukoll insterqilhom id-dritt li jilaghbu xi ftit barra t-triq bhal hafna zmien ilu, minhabba l-fatt li zdiedu hafna l-karozzi fit-toroq. Biex ma nsemmux ukoll il-fatt li bil-hin twil li jridu jqattghu fuq il-homework u l-istudju ftit jibqa’ hin liberu ghad-dispozizzjoni taghhom. Specjalment meta tara xi genituri li ghalihom meta jaraw it-tfal taghhom jilaghbu, jghodduh bhalha hala ta’ hin. Povri tfal! It-tfulija malajr tghaddi u qed jitilfuha qabel il-waqt. Wara kollox kulhadd ghandu bzonn l-isfog tieghu.

  6. Sylvia Cilia Attard
    1:26 amon September 26th, 2009

    Jien niftakar u nibki kemm uliedi illum il-gurnata m’ghandhomx dritt ghall-berah ta’ barra. Jien nghodd biss l-erbghin, u uliedi m’ghandhomx fejn, bhal fi zmieni, noqghodu nigru barra minghajr biza’ li ittajjarna xi karozza u wara noqghodu bilqieghda fuq l-ghatba nisimghu xi anzjani jirrakontaw xi storja tad-dahk jew tal-biza’. Dak kien zmien! Dwar il-bjut, nista’ nghidlek li jien ghandi bejt imdaqqas imma bil-bini li qed jinbena madwari spiccaw il-veduti kollha u qed nibza li uliedi lanqas is-sema mhu ser ikunu jistghu jaraw il-quddiem! Tiftakruh il-ktieb tas-sekondarja li kellna nistudjawh ghal-O Levels? Insejt x’kien jismghu ezatt imma niftakar zgur li in-nies tad-dinja kellhom jispiccaw imorru jghixu taht l-art. U dak iz-zmien konna staghgibna…..

  7. Adrian
    6:37 amon October 11th, 2009

    Niftakar nilghab futbol mal-kugin u jaqalna l-ballun 4 sulari go razzett…

  8. Elaine Grech
    12:33 amon November 21st, 2009

    Iċ-ċajta tafu x’inhi? Li dawn it-tfal qegħdin imorru l-iskola u jiżvogaw hemm. Imbagħad, għax narawhom ftit imqarqċin aktar min-’normal’ (jekk wara kollox hemm normal) nghidu li għandhom ADHD!! Qed inwaħħlulhom timbru għal għomorhom, meta forsi kull ma jkollhom bżonn hu post għal ftit żvog.

  9. claire abela
    2:28 amon December 1st, 2009

    Issib min izomm klieb go appartament zghir. Smajt veterinarju jghid li kelb jaf isir agressiv u perikoluz meta jkun qed jghix f’ambjent zghir ghax Ikun imdejjaq u skomdu. Jigifieri mhux kemm naqbdu u nrabbu kelb, irridu nahsbu u naghtu kaz kemm hemm wisgha fid-dar. Dan l-ahhar fuq it-televizjoni taljan smajna b’diversi kazi ta’ klieb li attakkaw tfal, u dan il-veterinarju gibed l-attenzjoni ta’ min qed irabbi klieb fic-cokon.

Leave a Reply