Qed ninnota, li minn ftit taż-żmien lil hawn, x’aktarx minn mindu fi ħdan il-Knisja bdew jinbtu ħafna gruppi ta’ talb u ta’ spiritwalità, beda dieħel ukoll ħafna kant tal-knisja bl-Ingliż. Issa hawn irrid ngħid li jiena ma nara xejn ħażin li jkun hemm xi għanjiet bl-Ingliż … imma naraha tistona ħafna meta l-maġġoranza tal-kant ikun hekk.
Xi sentejn ilu mort għall-funzjoni tal-lejl tal-Milied f’ċerta parroċċa u tabilħaqq ħriġt diżgustat li 90% tal-għanjiet tal-Milied kineu kollha bl-Ingliż jew bit-Taljan. U tafu x’kienet waħda mill-ftit għaniet li kantaw bil-Malti? Kienet traduzzjoni ta’ Tu Scendi dalle Stelle! Ovvajment … qatt m’erġajt ersaqt lejn dik il-parroċċa … imma xi ħadd qalli li din is-sena reġgħu għamlu l-istess.
Għandna ħafna għanjiet sbieħ tal-Milied bil-Malti … kemm dawk tradotti minn Dun Frans Camilleri, kif ukoll oħrajn tradotti minn diversi awturi. U jekk xi parroċċa tkun tixtieq tkanta għanja partikolari, tista’ faċilment tqabbad lil xi ħadd jittraduċihielha. Dil-prattika ssir fil-pajjiżi kollha. Ngħid għalija, ġejt imqabbad nittraduċi bosta għanjiet … anki dawk moderni.
Jekk aħna tassew kburin bl-Ilsien tagħna … għandna nuru BIL-FATT u mhux bit-tapċpiċ, li dan l-Ilsien tagħna nużawh dejjem u f’kollox. U meta nużawh tajjeb, nintebħu kemm huwa lsien rikk u sabiħ.

Malti
English