Il-ħrejjef folkloristiċi, mhumiex sempliċement stejjer fittizji. Ħafna minnhom jistgħu jitqiesu bħala parabboli ... tixbihat jew metoafori tal-ħajja; sintesi ta’ dak li kienu jemmnu fih missirijietna u tat-tip ta’ ħajja li huma kienu jgħixu. Ma rridux inħarsu lejhom b’mod superfiċjali; jiġifieri naqraw biss is-saff tal-wiċċ, imma rridu nippruvaw inħaffru fil-fond. Ħa nagħti xi eżempji: meta fil-ħrejjef naraw li l-mara (x’aktarx prinċipessa) tkun dejjem mara sabiħa, dan il-ġmiel ma rridux noħduh biss bħala l-ġmiel ta’ barra, imma jissimboleġġa wkoll il-ġmiel ta’ ġewwa, dak tal-qalb. Tant hu hekk li biex il-prinċipessa tkun l-eroina tal-ħrafa, jeħtieġ li mhux biss tkun sabiħa, iżda tkun ukoll ta’ qalb tajba. Fil-fatt, ċerti ħrejjef, bħal The Snow Queen, m’għandhom l-ebda simpatija lejn karattru li għalkemm ikun sabiħ minn barra, ikun kattiv minn ġewwa. Mela nistgħu ngħidu li l-ġmiel ta’ barra huwa metafora tal-ġmiel ġewwieni.
Ta’ min ngħidu wkoll li dawn il-ħrejjef, oriġinarjamnet ma nħolqux biss għat-tfal imma għall-poplu kollu. Kienu jgħaddu bil-fomm minn ġenerazzjoni għal oħra. Bihom missirijietna riedu jesprimu l-preokkupazzjonijiet u l-biżgħat tagħhom. Għalhekk x’aktarx dejjem insibu liż-żgħir (il-fqir) mgħakkes mill-kbir (is-sinjur), iżda finalment, bil-għaqal ta’ moħħu u l-qalb tajba tiegħu, iż-żgħir jissupera lill-kbir u jasal għall-kisba tal-premju. Hekk ngħidu aħna, insibu li jkun dejjem iż-żgħir fost tlitt aħwa li jirnexxilu jasal fejn ħutu ma waslux. Ikun dejjem il-fqir u d-dgħajjef li jirbaħ lill-prinċpessa. Missirijietna, li kienu x’aktarx isibu ruħhom sfruttati mis-Sinjuri u mogħtija l-ġenb, f’dawn il-ħrejjef kienu jsibu xaqq ta’ tama. Il-qalba ta’ kull ħrafa hija r-rebħa tat-tajjeb fuq il-ħażin. Fl-ebda ħrafa ma nsibu li l-ħażin jiġi ppremjat jew igglorifikat. Għal missirijietna dan kien l-akbar għajn ta’ tama u faraġ.
Għalhekk jiena nemmen li l-ħrejjef għadhom relevanti sal-lum u għandna nibqgħu naqrahom lit-tfal tagħna għax fihom hemm għerf mistur. Jeħtieġ biss li nidduskutu mat-tfal kif dawn il-ħrejjef juru kif kienu jaħsbu missirijietna, x’tip ta’ ħajja kienu jgħixu, x’kienu l-biżgħat tagħhom. Tajjeb infehmuhom li ċerta mġiba li kienet aċċettabbli taħt ċerti ċirklostanzi, mhux bil-fors tgħodd għal-lum li qed ngħixu f’ċirkostanzi differenti. It-tfal tagħna jeħtieġ ikun jaf mnejn tlaqna biex japprezzaw aktar fejn wasalna. Il-ħrafa toffrilhom dan kolu .. u ħafna aktar.
Għalhekk jiena nikkundanna bil-qawwa kollha lil min ibagħbas fil-ħrejjef, biex mingħalih jagħmilhom politikament korretti. Il-ħrejjef qatt ma jkunu politikemant korretti għax dik mhix l-aġenda tagħhom u jiżbalja min jistenna minnhom ħaġa bħal din.

Malti
English
9:39 amon October 5th, 2009
Hadt gost b’dan il-blog Trev,
nemmen li l-hrejjef ghadhom u jibqghu relevanti. Min ma jiehux gost jara l-bully jiehu dak li haqqu fl-ahhar mill-ahhar jew xi tifla wiccha tost li jidhrilha li kulfejn tersaq trid taghmlu taghha, jigru warajha l-orsijiet. F’kull hrafa issib il-maghkus, il-makakk, l-opportunist u min jisfrutta u minghajr ma rridu nistennew it-tmiem sabih u li kulhadd jghix kuntent ghal dejjem. Veru li fil-hajja l-affarijiet mhumiex hrafa imma jekk taqta’ l-fantasija u t-tama ta’ gejjieni isbah x’jibqaghlna? Ghandna noqghodu nfittxu t-taghlima wara kull hrafa? Nahseb li ahjar inhalluhom hekk inkella jigu ezercizzju ta’ tahbil il-mohh iehor. Imma min irid ihabbel mohhu, jhabblu kemm irid basta ma jibdilx dawn il-hrejjef u jhallihom hemm bis-shahar koroh(ma kinux jesistu beauticians) u princpijiet sbieh u qalbiena li ma kellhomx ghalfejn imorru l-gym. Il-magija tibqa’ hemm sakemm inhalluha.
r.